Anthony Spagnol jingħata Ġieħ iż-Żejtun 2019
Is-Sur Anthony Spagnol ġie onorat bl-onorifiċjenza ta' Ġieħ iż-Żejtun waqt is-serata ta' Jum il-Kunsill Lokali taż-Żejtun nhar it-Tlieta, 19 ta' Marzu, 2019.
Bijografija ta' Anthony Spagnol b'riċerka tal-Kunsillier Sean Chircop:
Is-Sur Anthony Spagnol, jew aħjar Twanny Spagnol, twieled iż-Żejtun fl-1960. Minn dejjem kellu l-arti għal qalbu fejn fl-età ta’ 14-il sena mar jistudja fl-Iskola tal-Arti, il-Belt Valletta, u għamel hemm sitt snin sħaħ sal-1980. Bejn l-1989 u l-1991 segwa kors ieħor fl-istess skola tal-arti fejn kiseb diploma fl-arti. Bejn l-1993 u l-2014 tella’ ħames esebizzjonijiet personali fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti u fil-Borża ta’ Malta, il-Belt Valletta. Is-sena li għaddiet tella’ esebizzjoni oħra tal-arti personali fil-binja tal-Parlament ta’ Malta fejn kienet ibbażata fuq tliet kuluri ewlenin u l-isfumaturi tagħhom - l–iswed, l-isfar u l-griż. Matul il-karriera tiegħu ħa sehem f’bosta wirjiet kollettivi kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Hu beda bħala artist figurattiv iżda wara mexa fuq l-arti astratta, fejn jikkonsidra l-arti astratta bħala lingwa spirtwali fejn biha jista’ jinterpreta diversi stejjer. Il-pitturi tiegħu jinsabu f’diversi kollezzjonijiet privati, fosthom anke fis-Sala Ġużeppi Caruana tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, fejn għandu l-pittura li tfakkar l-Aħħar Ħbit tal-1614, u anke fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar. Is-Sur Twanny Spagnol is-sena li għaddiet kien fdat ukoll biex ipitter il-portrait uffiċċjali tal-mibki Sindku Joe Attard, fejn twaħħal fis-sala tal-Kunsill Lokali li se ġġib l-isem ta’ Sala Joe Attard. L-istess sala tas-salott ġiet irrestawrata mis-Sur Spagnol u t-tim tiegħu ħames snin ilu. Fl-2017 ta b’donazzjoni 15-il pittura żejt fuq it-tila li juru l-istadji tal-Via Crucis lill-Università ta’ Malta, biex iżejnu l-kappella tal-istess Università. Infatti barra li hu pittur Twanny għandu fama tajba fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr. Hu studja r-restawr fl-Università ta’ Malta u anke dik ta’ Firenze, l-Italja. Fil-preżent hu responsabbli mil-laboratorju tal-pittura fi ħdan Heritage Malta, fejn hawnhekk ħadem fuq il-konservazzjoni ta’ diversi pitturi ta’ importanza nazzjonali, kemm f’dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ pitturi ekkleżjastiċi, u anke dawk f’kollezzjonijiet governattivi u anki privati. Fosthom ħadem fuq ir-restawr ta’ diversi arti prezzjuża li llum tinsab esebita fil-mużew tal-arti l-ġdid MUŻA. Barra minn hekk dejjem kien min ta’ quddiem biex jgħallem lill-pubbliku dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-pittura, dan jidher fi diversi open days li torganizza Heritage Malta u anke fil-ktieb li hu stess kiteb fl-2004 bl-isem ta’ Conservation of the Artistic Patrimony in Malta during World War II. Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, is-sena li għaddiet fuq il-gazzetta ‘illum’ kiteb hekk fuq Twanny Spagnol, ‘’Jiena għandi soft spot għal Twanny Spagnol. IIli nafu bħala restawratur u pittur prim u dejjem laqatni bħala bniedem umli, kolt u li jġib ruħu b'mod mirqum ħafna.’’ Dan juri kemm f’xogħlu hu ddedikat u kemm il-ħidma u l-ħiliet tiegħu qed jużaha b’mod tajjeb biex il-ġenerazzjonijiet tal-futur jibqgħu japprezzaw il-wirt storiku li għadna f’Malta. Fiż-Żejtun għamel diversi xogħlijiet ta’ restawr ukoll, fejn sa fl-1996 kien diġà ħa ħsieb jirrestawra l-kwadru titulari tal-Knisja tas-Salvatur u anke l-kwadru tal-knisja ta’ San Klement. Kif ukoll fl-2017 kien il-moħħ wara r-restawr tal-vara ta’ San Ġużepp tal-Parroċċa taż-Żejtun, li s-sena li għaddiet wara dan ir-restawr reġgħet ħarġet madwar it-toroq taż-Żejtun. Fost xogħlijiet li għamel. Twanny Spagnol dejjem ra wkoll kif jista’ jgħin f’diversi serati li jagħtu ġieħ liż-Żejtun, fejn kemm-il darba ppreżenta jew qara waqt diversi serati mtella’ mill-Parroċċa, il-Kunsill Lokali jew għaqdiet oħra fiż-Żejtun. Fosthom tlett snin ilu ppreżenta wkoll l-istess serata ta’ Ġieħ iż-Żejtun. Dan dejjem bl-iskop li jtella’ l-isem taż-Żejtun aktar ‘il fuq u jippromovi dak li hu Żejtuni.